Ħarġa sa San Anton

Il-ħarġa għaddiet iżda kien għad baqgħalna biċċa xogħol x’nagħmlu. L-għalliema ssuġġeritilna li niktbu djalogu li seħħ fost l-istudenti li attendejna l-ħarġa u ħabib tagħna …
Chanel: Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju morna ħarġa sa San Anton.
Ħabib: Din hija dik il-ħarġa li ma rnexxitilkomx darbtejn minħabba x-xita?
Eman: Hi kollha kemm hi! Aħna ħsibna li mhu se tirnexxilna qatt!
Joseph: Iżda nhar il-Ġimgħa, ħarġet ġurnata stupenda apposta għalina!
Ħabib: Ħadtu pjaċir?
Chanel: Ħafna!!
Ħabib: X’qgħadtu tagħmlu?
Kyran: Li nista’ ngħidlek, li Ms Micallef ma ħallitniex niċċassaw! Eżatt malli nżilna mill-prajvit, ħelu ħelu żerżqitilna pakkett ħendawts żul minn hemm!
Ħabib: X’kien fihom il-ħendawts?
Shahan: Ridna nimlew id-direzzjonijiet, l-istruzzjonijiet, id-dati, in-numri, l-arloġġ u tant affarijiet oħra li bdejna naraw quddiemna.
Ħabib: Mela kellkom x’tagħmlu! X’rajtu?
Alexis: Waqt li konna mexjin tul il-passaġġi, rajna siġar tal-Palm, buqari l-ġmiel tagħhom, fjuri mlewna, xtieli ħodor, pagun b’denbu miftuħ qisu qawsalla fost affarijiet oħra! Trid tarah il-pagun! Tgħidx kemm ħassu kburi!
Ħabib: Rajtuhom il-funtani?
Luca: Iva. Iltqajna ma’ waħda sabiħa b’ajkla kbira fin-nofs u taħtha kien hemm żewġt itfal. Kienet mimlija bl-ilma u madwarha fuq iċ-ċinta kien hemm il-qsari.
Ħabib: Rajtuha l-vaska prinċipali?
Sarah: Kemm kienet sabiħa! U l-ġurnata, tant ħarġitilna xemxija li kien hemm ħafna turisti madwarha. Ridna nistennewhom jinqalgħu minn madwarha biex ingawduha aħna!
Ħabib: Rajtuhom iċ-ċinji?
Shantoine: Kien hemm tnejn bojod il-ġmiel tagħhom. Barra minn hekk kien hemm il-wiżż, il-papri u tinda ċkejkna fin-nofs biex jidħlu taħtha għad-dell.
Maia: Jiena ggustajt il-papri ċkejknin għaddejjin fuq l-ilma qishom lanqas qed imissu miegħu! Xi ħlewwa!
Ħabib: X’għamiltu wara dan kollu?
Giuseppe: Bqajna mixjin lejn il-Kitchen Garden. Kien miżgħud daqs bajda bil-Maltin u t-turisti! Kien hemm ħafna xemx tisreġ. Fil-fatt uħud minna fittxejna d-dell taħt l-umbrelel u oħrajn qagħdu jixxemmxu ftit!
Ħabib: Min jaf kemm bdiet tgerger żaqqkom!
Eman: Tiċċajta, wara dak ix-xogħol kollu! Imbagħad Ms Micallef xtaqet tikkumplimentana b’xi ħaġa tajba tal-ikel: qassatat tal-rikotta jew tal-piżelli, Ms Diane ġabitilna x’nixorbu u Ms Romina ħasbet għal xi ħaġa ħelwa ħalli nerġgħu nakkwistaw l-enerġija!
Sarah: Jiena ħadt ħsieb inqassmilhom l-plattini għax sħabi mix-xeħta kienu jidhru għajjenin.
Kyran: Sakemm l-għalliema kielet bil-kwiet, aħna morna naraw l-annimali mas-Sur David u Ms Dorianne.
Ħabib: Tidhru li ħadtu ħafna gost!
Alexis: Ħafna! Bis-saħħa tal-għalliema u tal-LSE’s irnexxielna ngawdu ġurnata li żgur mhu se ninsew qatt!

Add Comment