
Sadanittant nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Ottubru 2017, iddeċidejt li nieħu flimkien ma’ għalliema oħra, lill-istudenti barranin li qed jitgħallmu l-Malti, fil-laboratorji tal-kċina tal-iskola tagħna. Drabi oħra ħadt klassijiet oħra, imma din l-attivita’ kellha l-għan, li filwaqt li tgħallem lessiku ġdid fil-qasam tat-tisjir , tgħin ukoll lill-istudenti barranin, jitgħallmu l-Malti b’mod tanġibbli, filwaqt li jinserixxu rwieħhom fil-kultura tagħna.
Għamilna ‘Qagħaq tal-Ġulġlien’ u ‘Ottijiet’. Dan wara li konna rrevedejna n-numri bil-Malti, permezz ta’ logħba bil-ballun u rajna xi riżorsi fuq il-kompjuter, fejn inzerta li kien hemm l-Ottijiet għan-numru tmienja. Kien hawn li l-istudenti staqsewni x’inhuma u fehimthom filwaqt li għedtilhom kif minn Otto bit-Taljan ħloqna l-plural semitiku Ottijiet. Bħalma minn basket (Ingliż) ħloqna basktijiet. Dawn huma l-elementi fil-Malti li jagħmluh daqstant interessanti filwaqt li jirriflettu aspetti mill-istorja tagħna.
Fuq dan l-ispunt tal-ottijiet, ħadt l-opportunita’ li nieħu lill-istudenti fil-kċina għal din l-attivita’, fejn ħadmu b’entużjażmu, tgħallmu kliem u espressjonijiet ġodda, missew b’idejhom il-proċess kif isiru, daquhom u għoġbuhom. Dan ukoll kien mezz ta’ taħdit, billi fil-qosor qalu x’kienu l-ingredjenti u l-metodu għal din ir-riċetta tradizzjonali. Fuq kollox kienet esperjenza ta’ tagħlim sabiħa b’differenza.
Reno Saliba